- Kif qed issib l-esperjenza li qed tagħmel il-lezzjonijiet onlajn?
Għalkemm hija ftit ta’ sfida kultant peress li hi xi ħaġa kemxejn ġdida għal kulħadd, inħoss li fiha t-tajjeb tagħha wkoll. Il-fatt li tista’ tilħaq lill-istudenti kollha, kemm dawk fil-klassi u anke dawk fid-dar fl-istess ħin, żgur li hija ħaġa tajba ħafna. Biss il-kuntatt mal-istudenti fil-klassi nħoss in-nuqqas tiegħu wisq għax il-lezzjoni tkun iktar interessanti bil-parteċipazzjoni fiżika ta’ kulħadd.
- X’ħajrek li tilħaq għalliema u għaliex?
Minn meta kont żgħira dejjem kelli stima u ammirazzjoni kbira lejn dawk l-għalliema li kelli jien fl-iskola u dejjem xtaqt inkun bħalhom. Inħoss li l-vokazzjoni ta’ għalliema dejjem kienet fija, tant li anke fil-quċċija stess ktieb kont għażilt!
- Għaliex għażilt li tgħallem il-lingwi Malti u Franċiż?
Minn dejjem kont inħobb dawn iż-żewġ lingwi u għalhekk għażilt li nkompli nistudjahom.
- Miż-żewġ lingwi li tgħallem liema l-iżjed li tippreferi?
Sinċerament it-tnejn inħobbhom u nieħu gost ngħallimhom.
- Ġieli tħajjart tistudja lingwa oħra? Jekk iva liema u għaliex tagħżel lilha?
Minbarra l-Franċiż naf ukoll it-Taljan, komplejt nistudjah ftit snin ilu għax l-iskola ma kellix. U ġieli ħajritni wkoll il-lingwa Spanjola għax togħġobni ħafna, imma s’issa qatt ma tħajjart nieħu lezzjonijiet biex nitgħallimha sew.
- Meta kont studenta bħalna x’kien l-iktar suġġett li kont tħobb?
Bla dubju l-lingwi li ngħallem kont inħobbhom ħafna. Imma kont inħobb ħafna l-bijoloġija wkoll.
- Liema hu l-ktieb l-iżjed favorit tiegħek (kemm bil-Malti kif ukoll bil-Franċiż)?
Bil-Malti hemm diversi tant li lanqas nista’ nagħżel wieħed partikulari. Imma bil-Franċiż l-iktar ktieb għal qalbi huwa bla dubju Le Petit Prince.
- Taqbel li kliem li għandu oriġini Ingliża għandu jinqaleb għall-ortografija Maltija, kliem bħal ‘onlajn’ ,futbol’, ‘kompjuter’, eċċ..? Taħseb li kliem bħal dan jista’ jaffettwa l-lingwa Maltija nnifisha?
Il-lingwa hija xi ħaġa ħajja, għalhekk bilfors ried ikollha tinfluwenza ruħha mill-Ingliż, kif ġralhom lingwi oħra wara kollox. Le, kliem bħal dan ma jdejjaqnix fil-Malti. Li jdejjaqni huwa meta naqilbu kliem mill-Ingliż letteralment meta jkollna kliem għalih diġà.
- X’inhi l-iżjed ħaġa li tolqtok fil-lingwa Franċiża?
L-aċċent tal-lingwa dejjem kien u għadu jaffaxxinani. Naraha bħala lingwa eleganti, rikka u xi ftit romantika wkoll.
- X’kienet l-iktar ħaġa diffiċli li qatt affaċċjajt fil-karriera tiegħek?
Żgur li l-iktar perjodu diffiċli kien il-prattika waqt l-aħħar snin tal-Università, dik li nsejħulha “teaching practice“. Kien żmien stressanti ħafna, imma nħossni kburija bija nnifsi li rnexxieli ngħaddi minn dan iż-żmien b’suċċess.
- X’aspirazzjoni għandek għall-futur fil-karriera tiegħek?
Forsi nkompli nistudja xi Masters marbut mal-Malti, peress li l-ewwel teżi tiegħi kien bil-Franċiż. B’hekk dejjem inkun ħdimt u studjajt iż-żewġ lingwi l-iktar għal qalbi.
- X’se tkun l-ewwel ħaga li se tagħmel wara li tgħaddi l-pandemija tal-Covid-19?
Bla dubju, insiefer safra twila u sabiħa!!!
Intervista miktuba minn Kylie Marie Grima form 3 St Claire.