KTIEB ĠDID FIS-SUQ

Artiklu Miktub minn Shaise Scerri – St. Francis

Il-Professur Għasfur ta’ Ġorġ Mallia.

                     Ġorġ Mallia kiteb stejjer bil-Malti u bl-Ingliż u kien koeditur u produttur tar-rivista tat-tfal “Sagħtar”. Ġorġ Mallia jagħmel ukoll il-karikaturi. Ġorġ Mallia kiteb il-ktieb “Il-Professur Għasfur”. Fuq il-qoxra ta’ dan il-ktieb qed naraw il-professur bil-mustaċċi twal u taħt it-titlu “Il-Professur Għasfur” naraw iċ-ċoff b’dar il-fekruna fuq stampa tal-kampanja u l-flat fejn kien joqgħod hu.

                       Il-karta hija safranija b’tipa b’daqs ta’ xi 14. Hemm xi stampi bil-kapxins sabiex juru x’kien qed jiġri u b’hekk tkun tista’ tifhem aħjar. Dan il-ktieb għandu storja vera interessanti. Darba kien hemm tifla jisimha Katrin. Din kienet tifla kurjuża u intelligenti. Darba kienet għaddejja minn quddiem appartament u kien hemm dawl ħadrani ħiereġ mit-tieqa taċ-ċentru tal-appartament. Katrin, bil-kurżità illi kellha daħlet u spiċċat fuq nett tal-appartament. Rat lil dan ir-raġel misterjuż fuq pjanċa u l-fekruna illi kellu kienet se titla’ warajh imma Katrin, qabżet warajha u f’ħakka t’għajn spiċċaw jivvjaġġaw bejn id-dimensjonijiet!

                        L-awtur juża d-diskors dirett bejn Katrin u l-professur Għasfur u b’hekk inħossuna parti mill-istorja. Il-karattri prinċipali huma l-fekruna, il-professur, Katrin u l-familja ta’ Katrin. Meta Katrin u l-fekruna jkunu qegħdin bejn id-dimensjonijiet, Katrin tkun tista’ tifhem x’inhi tgħidilha l-fekruna. Din ix-xena tfakkarni fija u l-qtates tiegħi għaliex meta kont zgħira kont nimmaġina li nkun nista’ nifhimhom.

                        Waqt li kont qed naqra ħassejtni fuq ix-xwiek biex inkun naf x’inhu jiġri. Aktar ma tibda taqra aktar tifhem il-karattri u l-personalitajiet u tkun taf kif inhi l-ħajja tagħhom u b’hekk tifhem l-istorja aħjar.

        Jien nirrakkomanda dan il-ktieb lil kull min huwa interessat fl-avventura u fil-fantaxjenza.

TMIEM