Għalkemm it-Tazza tad-Dinja ilha aktar minn disgħin sena li bdiet, xorta jsegwuha madwar 517 il-miljun persuna! Din il-kompetizzjoni tal-futbol ġeneralment issir fis-sajf, u jilagħbu 32 tim, li jirrapreżentaw il-pajjiż tagħhom. Dawn jilagħbu kontra xulxin, u ma’ kull rawnd jibdew jinqalgħu t-timijet li rebħu l-inqas, sakemm joħroġ rebbieħ! Ir-rebbieħ jieħu lura pajjiżu, it-Tazza tad-Dinja.

It-Tazza tad-Dinja inħolqot meta Jules Rimet, il-president tal-assoċjazzjoni FIFA, xtaq jorganizza kompetizzjoni li tgħaqqad pajjiżi f’daqqa, u żżid il-popolarità tal-futbol, għaliex dak iż-żmien il-futbol kien jintlagħab l-iktar fl-ingilterra. Fl-1928, qasam din l-idea mall-kollegi tiegħu, u dawn iddeċiedew li l-ewwel Tazza tad-Dinja ssir fl-Urugwaj. Iżda imbagħad iltaqgħu ma’ ntopp. Il-pajjiżi Ewropej ma rridux jidħlu f’din il-kompetizzjoni, għaliex biex tivjaġġa dik id-distanza dak iż-żmien, kienet tqum ħafna flus, u l-vjaġġ kien ikun twil u perikoluż. Iżda l-FIFA pperswadew tlettax-il pajjiż. L-ewwel logħbiet tat-Tazza tad-Dinja kienu dawk ta’ Franza kontra l-Messiku, u l-Istati Uniti kontra l-Belġju. Franza rebħu 4-1, filwaqt li l-Istati Uniti 3-0. Il-finalisti kienu l-Urugwaj u l-Arġentina, u kien hemm 93,000 persuna jsegwu l-logħba. L-Urugwaj ħarġu rebbieħa tal-ewwel Tazza tad-Dinja.
Ir-rebbieħa tat- Tazza tad-Dinja jirbħu premju tant magħruf – it-trofew tat-Tazza tad-Dinja. Dan il-premju huwa wieħed minn tal-aktar prestiġju u kull min jirbħu jikteb l-istorja. Din għandha żewġ verżjonijiet. Il-verżjoni l-antika kienet tissejjaħ il-Jules Rimet Cup, li kienet imsemmija wara l-president tal-FIFA. Din kienet iddiżinjata minn Abel Lafleur, u d-disinn tagħha kien jikkonsisiti mill-Alla griega Nike, l-Alla tal-vitorja, iżżomm trofew ottagonali fuq rasha. Abel Lafleur kien ispirat minn statwa miż-żmien il-Griegi tal-qedem. Il-Jules Rimet Cup magħmula minn fidda miksi bid-deheb, u b’bażi ta’ Lapis Lazuli. Kull meta tim jirbaħ din it-tazza, il-FIFA kienu jnaqqxu isem it-tim fuq il-qiegħ tat-tazza. Meta beda jgħaddi ż-żmien, dawn kellhom ibiddlu l-qiegħ biex jogħqodu l-ismijiet tar-rebbieħa futuri. Meta bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Viċi President tal-FIFA inkiss inkiss ħa l-Jules Rimet Cup mill-post tas-soltu, u ħbiha f’kaxxa taż-żraben taħt is-sodda tiegħu. B’xi mod, din it-tazza ħarġet mingħajr tebgħa. Iżda ftit qabel l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fl-1966, li seħħet fl-Ingilterra, din insterqet minn mużew fejn kienet qed tinżamm. Dak iż-żmien prezzha kien ta’ 30,000 dollaru ingliż, u l-Ingilterra daħlet ġo basla kbira. Filwaqt li l-pulizija bdew l-investigazzjonijiet, Joe Mears irċieva nota mingħand il-ħalliel, li ffirma n-nota bħala Jackson. Dan Jackson kien qed jisforza lil Joe Mears biex itih 15,000 dollaru ingliż. Iżda Joe uża moħħu, u kkuntattja l-pulizija, ħalli meta jmur jagħti l-fluz foloz lil Jackson, dawn jaqbduh.

Imma meta Joe iltaqa’ ma’ Jackson, il-ħalliel induna li kien hemm xi ħaġa stramba, u meta skopra li kien hemm il-pulizija, telaq jiġri. Wara ġirja sfrenata, il-pulizija taw sentejn ħabs li Jackson, u skoprew li kien qed jaħdem għal wieħed jismu the Pole. Wara ħafna investigazzjonijiet tal-pulizija, the pole baqa’ ma nstabx, u l-Jules Rimet Cup sfat mitlufa. Iżda imbagħad seħħ miraklu. Wieħed ingliż jismu David Corbett kien miexi fi triq fl-Ingilterra bil-kelb tiegħu Pickles, u waqaf biex jagħmel telefonata. Meta kien qed jitkellem fuq it-telefown, Pickles beda jxammem xi ħaġa mgeżwra f’karta kannella. Għall-ewwel David kien qed jibża li kienet xi bomba, imma l-kurżità għelbitu, u fetaħ l-oġġett misterjuż. Kienet il-Jules Rimet Cup. Dan irritornaha għand il-pulizija, u hu u l-kelb tiegħu Pickles saru famużi u salvaw lill-Ingilterra. Ftit wara li nqala’ dan l-inkwiet fl-Ingilterra, il-Brazil rebħu l-Jules Remet Cup b’mod permanenti, għaliex il-FIFA kellhom regola, li jekk pajjiż jirbaħ it-Tazza tad-Dinja tlett darbiet, jista’ jżomm it-trofew. Din reġgħet sfat misruqa, u din id-darba ma nstabitx. Jingħad li l-ħalliel dewweb it-tazza, u għamilha blokki tad-deheb. Kull ma għad fadal huwa l-qiegħ l-oriġinali, li kienu qalgħu biex jagħmlu ieħor akbar. Għalhekk il-FIFA kellhom joħolqu trofew ieħor. It-trofew il-ġdid kien jismu t-Tazza tad-Dinja, u għadu jintrebaħ sal-lum. Sabiex jintagħżel disinn għal din it-tazza ġdida, 7 skulturi professjonali minn pajjiżi differenti tefgħu 53 idea, iżda d-disinn li ntagħżel kien ta’ wieħed taljan jismu’ Silvio Gazzaniga. Id-disinn tiegħu kien ta’ xi nies iżommu d-dinja fuq il-pala t’idhom, u b’basi ħadra, fejn jinkitbu l-ismijiet tar-rebbieħa. It-trofew hu magħmul minn deheb tal-18-carat, u jiżen il-fuq minn 6 kilogrammi. Dan hu twil 36 ċentimetru, u hu vojt minn ġewwa. Il-qiegħ tbiddel kemm il-darba, imma l-iktar riċenti kien dak fejn inaqqxu l-ismijiet tar-rebbieħa b’mod spirali, sabiex joqogħdu bosta ismijiet ta’ pajjiżi. Din it-tazza tinżamm ġo Zurich, ġo post sigur tal-FIFA stess. M’hemm l-ebda mod kif ir-rebbieħa jistgħu jieħdu lura d-dar it-trofew oriġinali, iżda jieħdu verżjoni tal-bronż miksi bid-deheb. Din ingħatat lill-individwu darba biss, lil Nelson Mandela, meta it-Tazza tad-Dinja seħħet fl-Afrika t’Isfel.

Biex jintażel il-pajjiż fejn ħa tinżamm it-Tazza tad-Dinja, isseħħ elezzjoni li tiġi segwita minn pajjiżi madwar id-dinja. Meta ġie elett il-Qatar fl-2022, inqalgħu xi kontroversiji, imma wkoll ġab miegħu ferħ kbir. Il-Qatar kien sar l-iżgħar pajjiż li qatt inżammet it-Tazza tad-Dinja fih, kif ukoll l-ewwel wieħed Iżlamiku! Minħabba t-temperatura sħuna fil-Qatar, it-Tazza tad-Dinja saret fiż-żmien differenti. Il-Qatar ma kellhomx il-grawnds li kien jirrikjedi għat-Tazza tad-Dinja, allura sabiex inbnew, il-bennejja għaddew minn ħafna tbatija, kif ukoll kien hemm każijiet fejn mietu n-nies. Il-pajjiżi kollha jissieltu sabiex issir it-Tazza tad-Dinja fil-pajjiż tagħhom, għaliex iġġib magħha profitt u turiżmu kbir, allavolja dan il-proġett iġib miegħu spejjeż ta’ barra minn hawn. F’kull edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, jintagħżel mascot, u dan ġeneralment jirrappreżenta xi tradizzjonijiet tal-pajjiż fejn tkun qed issir it-Tazza tad-Dinja. Meta tibda l-kompetizzjoni, isir ukoll spettaklu, fejn jiżfnu xi żeffiena, ikanta xi kantant popolari, kif ukoll xi talenti oħra.
It-Tazza tad-Dinja, għalkemm ġieli jinqalgħu xi ntoppi, tgħaqqad in-nies b’kulturi, reliġjonijiet, twemmin, ideat soċjali u l-bqija f’daqqa, f’lingwa li kulħadd jifhem – il-futbol.
Article by: Julia Spiteri
Photos by: Photo by Fauzan Saari on Unsplash and Photo by Stefan Lehner on Unsplash