Miktuba minn Rachel Sciberras u Julia Spiteri

Form 1 – St. Matthew

1.Minn fejn ġie dan l-isem RMJ?

RMJ kien l-isem tal-ewwel żiemel tiegħi. Għadu ħaj u qiegħed magħna bħalissa. Ilu għandi xi tlettax-il sena.

2. Min kien il-fundatur jew fundatriċi u kif bdiet din l-inizjattiva?

Jien, Corinne Farrugia. L-inizjattiva tal-RMJ bdiet fl-2016. Qabel jien kont waħdi nieħu ħsieb li jiġu salvati żwiemel u jiġu riabilitati sakemm jinstabilhom post fejn imorru. Iżda speċjalment permezz tal-mezzi soċjali l-kelma bdiet tiġri malajr u bdew jiżdiedu ż-żwiemel li jiġu għandna, tant li fl-2019 kellna nimxu għal post ikbar.

3.Kemm hemm żwiemel taħt il-kura tagħkom u minn fejn jiġu?

Għandna disgħa u tmenin (89) żiemel fl-RMJ, u ħafna minnhom huma żwiemel tat-tiġrijiet li jkunu rtirati mill-karriera tal-ġiri tagħhom. Imbagħad ftit minnhom ġabuhomlna l-pulizija għax għand min kienu ma kinux jieħdu ħsiebhom.

4. Min jieħu ħsiebhom lil dawn iż-żwiemel u kif tgħinuhom?

Jieħdu ħsiebhom il-volontiera tagħna, jiġifieri hawnhekk kulħadd għandu x-xogħol tiegħu, u wara x-xogħol jibqgħu ġejjin hawn. Ħafna miż-żwiemel ikunu jridu l-kura ta’ kuljum, jiġifieri nnaddfulhom, nagħlfuhom u dawk li jistgħu joħorġu ntuhom l-eżerċizzju. Dawk li jkunu mweġġgħin nikkurawhom.

5. Hemm xi żiemel li ħalla impatt partikolari fuqkom u għalfejn?

Wieħed riċenti huwa Baby. Dan hu żiemel li meta ġie għandna kien magħkus ħafna; kien għadam biss u fil-bidu lanqas konna nafu jekk hux se jsalva. Konna nagħmlu ġranet sħaħ miegħu, sa filgħaxija, imma issa rpilja jiġifieri jinsab ħafna aħjar.

6. X’inhu l-akbar sodisfazzjon u l-akbar sfida għal din l-għaqda volontarja?

Sodisfazzjon għalina ovvjament hu meta naraw iż-żwiemel li nkunu salvajna jsibu dar u jkunu għal qalbhom mal-familja l-ġdida. Bħala sfidi hemm il-ħin u xogħol fiżiku li hemm bżonn biex nieħdu ħsiebhom. U l-flus dejjem bin-nieqes għax l-ispejjeż huma kbar.

7. Minn fejn iġġibu l-flus biex tieħdu ħsieb dawn iż-żwiemel kollha?

Mid-donazzjonijiet u mill-ġbir tal-fondi li nagħmlu. Norganizzaw ukoll ‘pony rides’ u attivitajiet għat-tfal.

8. Kemm huma importanti d-donazzjonijiet tal-pubbliku biex tkomplu l-ħidma tagħkom?

Id-donazzjonijiet huma importanti ħafna għax niddependu fuqhom. Sfotunatament għalkemm il-voluntiera jaħdmu ħafna imma l-kontijiet bil-flus irridu jitħallsu.  Iż-żwiemel jieklu ħafna u l-kura tagħhom tiswa l-flus.

9. X’għandu jagħmel wieħed biex ikun jista’ jikkontribwixxi b’donazzjoni u/jew servizz volontarju?

L-aħjar li jikkuntattjawna fuq Facebook fuq l-RMJ Horse Rescue u jkellmuna minn hemm.

10. Qegħdin tippjanaw xi attivitajiet għall-futur u jekk iva x’inhuma?

L-attività kbira li jmiss hija  l- ‘open day’  li hija fil-24 ta’ April 2022 mill-għaxra sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar.

Dawn huma xi ftit ritratti ta’ wħud miż-żwiemel li jinsabu fl-RMJ Horse Rescue: