- Kemm ilek taħdem f’din l-iskola?
Din is-sena nagħlaq għoxrin sena naħdem ġo din l-iskola.
- Issa li sirt assistent kap, il-ġurnata tiegħek l-iskola kif tkun?
Bażikament tkun non-stop. Tibda minn madwar is-sebgħa u kwart. L-iskola jkolli ħafna xogħol x’nagħmel. Niġi b’to-do list imma ovjament jinqalgħu affarijiet oħra. Wara l-iskola nkompli bix-xogħol ukoll, fejn qabel kien ikolli l-corrections issa jkolli paperwork ieħor. Però kull ġurnata tkun differenti.
- X’differenza tara bejn meta kont għalliem u issa li sirt assistent kap?
L-ewwel nett nimmissja ħafna li ngħallem. Nimmissja ħafna l-kuntatt li kelli mal-istudenti, fis-sens li qabel kien ikolli diskussjonijiet mal-istudenti fuq l-istudju soċjali. Issa sar ikolli ħafna iktar kuntatt mal-għalliema, fejn qabel kont iktar jien u xogħli, issa sirt f’ħafna iktar kuntatt ma’ għalliema u ġenituri. Fejn qabel kien ikolli ħafna corrections li dawn ma nimmissjahom xejn, issa qed ikolli iktar paperwork.
- Aħna nafu li qabel ma kont assistent kap int kont għalliem tal-Istudju Soċjali. Għalfejn għażilt din il-karriera?
L-Istudju Soċjali hu marbut ħafna ma’qalbi. Hu suġġett li jagħti l-opportunità lill-istudenti sabiex jiddiskutu l-ħajja ta’ madwarhom. Naħseb li hawn ġuħ kbir għal suġġetti bħall-Istudji Soċjali fejn l-istudenti jkunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom.
- Meta kont student l-iskola, kien hemm xi ħaġa li verament kienet iddejqek?
Il-preferenzi kienet l-iktar ħaġa li kienet iddejjaqni, speċjalment fil-primarja u naħseb din il-ħaġa lili biddlitni u llum li jien assistent kap u ġenitur għamilt punt li qatt ma jkolli l-preferenzi u li nimxi ‘fair’ ma’ kulħadd. Kienet iddejjaqni wkoll li ma tantx kien ikollna outings. Nemmen li l-outings jagħtuk iċ-ċans li tara lil sħabek f’setting barra mill-iskola u li jkollok avventura ma’ sħabek f’post barra mill-iskola. Kont ukoll dħalt fil-kunsill tal-istudenti tal-iskola li kont immur tal-Verdala ġewwa Bormla sabiex nipprova nbiddel dawk l-affarijiet li kienu jdejquni.
- Fl-iskola tagħna x’jogħġbok l-iktar?
Togħġobni ħafna li aħna skola żgħira u li aħna flimkien qisna familja. Nistgħu nagħtu ‘individual care‘ lil kull studenta u jekk ikun hemm xi ħadd bil-problemi nkunu nistgħu ngħinu mal-ewwel. Jogħġobni wkoll l-ambjent ta’din l-iskola u l-istaff u l-istudenti kollha.
- Fil-ħin liberu tiegħek xi tħobb tagħmel?
Inħobb inqatta’ ħafna ħin mal-familja tiegħi. Inħobb noħroġ ħafna fin-natura u nagħmel hikes mal-familja. Jien mhux tip ta’ persuna li nħobb noqgħod ħafna d-dar, infatti qisu s-saqaf se jaqa’ fuqi għax inħobb inkun ħafna barra. Inħobb ukoll il-fotografija. Nippratika dan il-passatemp kemm bħala part-time kif ukoll bħala passatemp. Inħobb nilgħab ukoll logħob tal-kompjuter speċjalment ‘strategy games’. Rwol li għandi ta’ kuljum huwa li noħroġ il-kelb però nqisu bħala passatemp għax immur mixja żgħira. Involut ħafna wkoll fil-volontarjat u nagħmel parti minn grupp taż-żgħażagħ. F’ħajti, għalkemm mhux dejjem ikolli ċ-ċans, però nipprova nagħmel ftit minn kollox. L-inqas ħaġa li nagħmel hi nara televixin għalkemm meta kont iżgħar kien wieħed mill-ikbar passatempi tiegħi.
- Liem kienet l-isbaħ esperjenza f’ħajtek?
L-isbaħ esperjenza f’ħajti bla dubju ta’ xejn kienet it-twelid tat-tfal. Meta tgħaddi minnha verament tifhem għalfejn din l-esperjenza hi waħda sabiħa immens u li tbiddillek ħajtek.
- Semmi xi esperjenza mhux daqshekk pjaċevoli li għaddejt minnha f’ħajtek.
Niddejjaq ħafna meta nara krudeltà fuq l-annimali jew xi annimal mejjet. Eżempju darba kont għaddej mit-triq u rajt ġeru mejjet li kienet għadha kif tajritu karozza u ma stajt nagħmel xejn. Taqbadni għafsa ta’qalb meta nara nies jaħqru l-annimali għall-pjaċir eżempju ‘bullfighting’.
- Meta kont tifel x’ħolm kellek għall-futur u llum irnexxielek tagħmilhom realtà?
Meta kont tifel kelli l-ħolma li nsir suldat però ovjament din il-ħolma ma saritx realtà. Kelli l-ħolma wkoll li nbiddel id-dinja u naħseb għalhekk dħalt fil-linja tal-edukazzjoni għax nemmen li aħna l-għalliema qed niżirgħu żerriegħa li ’l quddiem se tkun il-futur. Kelli wkoll il-ħolma li nkun fuq ir-radju u fil-fatt għamilt għaxar snin. Ċerti ħolm irnexxieli nagħmilhom realtà mentri ċerti ħolm ieħor bħal li nsir suldat ma rnexxewx.
- X’taspira għall-futur?
Naspira li jibqa’ jkolli relazzjoni tajba mat-tfal tiegħi, anke meta jikbru u jkunu indipendenti, naspira li nibqgħu close. Naspira wkoll li nibqa’ nagħmel affarijiet biex intejjeb il-ħajja taż-żgħażagħ. F’din l-iskola apparti li jien assistent kap, nieħu ħsieb ukoll il-pastorali, għalhekk dik tagħtini l-opportunità biex iż-żgħażagħ meta jitilqu minn hawn jitilqu equipped li mhux biss ħadu l-akkademiku però wkoll valuri. Naspira wkoll li nkompli fuq hobbies u li nsiefer f’postijiet ġodda.
- Għandek xi messaġġ li tixtieq tgħaddi lill-istudenti?
Il-messaġġ li għandi huwa wieħed li l-istudenti, lilna l-għalliema u l-SMTs, ma jarawniex li dejjem irridu nkunu strict u nagħmlu regoli biex indejqu lill-istudenti. Eżempju l-iskola ma jistgħux jiġu bid-dwiefer twal u miżbugħin però fil-verità aħna qed nippruvaw inderru l-istudenti bi dress codes għax meta għada pitgħada dawn se jmorru fid-dinja tax-xogħol huma valuri li importanti jkollhom.
Artiklu Miktub minn Shaneley Pisani Form 2