Il-Letteratura Madwarna

“Ġrajjiet in-Nannu Ċens” ta’ Trevor Żahra –   Riċensjoni miktuba minn Kyra Pace

Għadni kif spiċċajt naqra “Ġrajjiet in-Nannu Ċens” ta’ Trevor Żahra. Iħallik bla nifs għax minn praspura għal oħra. Trevor Żahra huwa l-aqwa awtur Malti li smajt dwaru, hu kiteb iktar minn mija u tletin ktieb. Il-qoxra tal-ktieb hija ħadra. Fil-faċċata hemm in-nannu Ċens bilqiegħda jaqra gazzetta u fuq wara hemm xi ftit dwar ir-rumanz u barra minn hekk hemm id-dar tal-pubblikazzjoni, Merlin Library, Blata l-Bajda.

  Issa jekk tara sew il-ktieb minn ġewwa f’kull kapitlu hemm xi stampa. L-istampi huma suwed bl-abjad kif ukoll il-karti huma bojod u l-kliem huma faċli biex taqrahom. Ir-rumanz huwa dwar in-nannu Ċens li joqgħod mal-familja ta’ ibnu man-neputijiet Irene, Tony u Marisa li dawn it-tfal kif ukoll in-nannu Ċens huma l-karattri importanti. In-nannu Ċens dejjem jivvinta xi praspura u jekk le, kien jidħol ġo xi waħda li kienu jivvintaw in-neputijiet.

  L-awtur juża ħafna tekniki differenti bħad-diskors dirett. Eżempju ta’ diskors dirett huwa “Gieli waqqajt xi ajruplan, nann?” Hemm ħafna rumanzi biex tqabbilhom ma’ dan minħabba li huwa tad-daħk. Xi eżempji ta’ rumanzi li tista’ tqabbilhom ma’ dan huma “Mastru Gerfex” u “Fra Mudest”.

   L-isbaħ parti tar-rumanz hija l-aħħar biċċa għax hija wisq aktar tad-daħk. Jiena meta qrajt l-istorja kollha ħassejtni li xtaqt inkun ġol-istorja għax nixtieq wisq inkun ġo xi praspura li jivvintaw it-tfal jew in-nannu Ċens. Għalija ma għandi xejn xi nbiddel u l-karattri wisq għoġbuni kif għamilhom Trevor Żahra. Jiena nirrakkomanda dan il-ktieb għax huwa wisq tad-daħk. Imma issa nħalli f’idejkom!