Miktuba minn Emma Marie Sammut Form 3
- Minn dejjem xtaqt issir għalliema tax-Xjenza jew forsi kellek xi ispirazzjoni u jekk le xi xtaqt issir?
Kelli ħafna affarijiet li xtaqt insir però li inku “teacher” dejjem kienet waħda minnhom. Meta kont għażilt ix-Xjenzi fil-Form 3, kelli l-għalliema tal-Chemistry, kont nikklikkja ħafna magħha u kont nieħu gost waqt il-lezzjonijiet u minn hemm għedt li xtaqt insir għalliema tax-Xjenza. Ma kontx naf jekk insirx tal-Chemsitry jew tal-Biology u irnexxieli nagħmilhom it-tnejn!
- Għandek xi pajjiż partikolari li tixtieq tmur bħala vaganza?
Hemm ħafna pajjiżi, imma naħseb xi darba l-Amerika nixtieq immur imma peress li huwa naqra l-bogħod, ma nafx jekk hux se jirnexxili mmur.
- Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu tiegħek?
Inħobb niżfen u naqra iktar fuq ix-xjenza!
- Kieku kellek tagħti parir lilek innifsek meta bdejt l-ewwel sena itgħallem, x’kien ikun?
Emmen iktar li inti kapaċi u tistressjax daqshekk, bil-mod il-mod tibda titgħallem u qatt ma tista’ tkun perfetta fil-verità. Meta tkun tħobb dak li tagħmel ġeneralment tant tpoġġi pressjoni fuqek innifsek li tkun trid tagħmel l-affarijiet bl-eżatt, tgħidilhom kollox tajjeb , tkun ċerta li t-tfal jieħdu gost waqt il-lezzjoni imma qisek imbagħad bil-mod il-mod l-affarijiet, jmorru għal-aħjar allura emmen li se tasal.
- Taf xi lingwi oħra apparti Malti u Inġliż?
Franċiż naf xi erbat ikliem ‘l hemm u ‘l hawn kif ukoll Taljan. Għalkemm qatt ma studjajtu, nifhmu sew u naf nitkellem xi ħaġa wkoll.
- Liem hu l-iktar qasam tax-xjenza li jogħġbok?
Onestament, jiena l-iktar qasam li jogħġobni fil-fatt huwa dak li jgħidulu “l-Biochemistry”. Dan huwa meta inti mhux qed tidħol fil-bijoloġija minn barra u mill-kbir imma iktar meta tidħol fid-dettall taċ-ċellola tagħha u x’ikun qed jiġri bħala reazzjonijiet ġo fiha, allura nagħqdu t-tnejn flimkien.
- Xi tħobb l-iktar mill-iskola tagħna u għalla għażilt li tgħallem hawn ?
L-iskola tagħna li għandha tajjeb hija li peress li hija skola iżgħar minn skejjel tal-Gvern, tkun iktar familja mal-persuni fiha. L-istudenti pereżempju, il-fatt li dejjem jiena ngħallimhom il-Chemistry, nitla’ dejjem magħhom allura nkun naf studenta kif bdiet mill-Form 3 u x’għamlet miegħi fis-suġġett, kif ukoll il-fatt li għallimtha mill-bidu nett sal-aħħar, dik naraha li hija xi ħaġa sabiħa ħafna. Anke l-għalliema bejnietna, hawn sens iktar ta’ familja u qisek ma’ ġejtx għall-post tax-xogħol biss. Hawn komunità.
- X’inhi l-iktar ħaġa li ssib diffiċli meta tgħallem?
Naħseb l-iktar ħaġa diffiċli hi biex jirnexxili nfiehem suġġett ikkumplikat ġieli u diffiċli, kif ukoll li ġieli l-istudenti jaraw l-importanza tiegħu għax ġieli l-istudenti, il-ħaġa li tkun qed tgħid, għalihom hija xi ħaġa mhux relevanti mas-suġġett imma fil-verità tkun. Apparti minn hekk, xi ħaġa oħra diffiċli hija li tlaħħaq ukoll.
- Għandek xi annimali jew tixtieq li jkollok xi animal partikolari?
Iva , għandi kelb jismu Vuċpo, inħobbu ħafna!
- Għandek xi memorja fil-labaratorju li hija memorabli jew forsi tad-daħk?
Tad-daħk…għandi kemm, trid għax dejjem nagħmlu xi praspura! Meta tagħmel experiment ġdid ġeneralment ma tkunx taf x’se jiġri, pereżempju jien nofs l-‘experiments‘ inkun għamilthom jew darba bħala studenta jew kważi qatt għax fil-verità hemm ruxxmata ta’ ‘experiments‘ li tista’ tagħmel allura qatt ma tkun taf jekk hux se jaħdmu jew le. Niftakar ukoll l-experiment ta’ rates tas-Surface Area, l-ewwel darba li għamilnieh mal-Form 5’s ma kienx ħadem però li kienet interessanti kienet li ħsibt li qishom se jiddejqu peress li ma ħadimx imma meta bdejna niddiskutu għalfejn ġara hekk, tgħidx kemm tgħallmu l-istudenti u bdew joħorġu bl-ideat tagħhom u qisni minn hemm tgħallimt li jekk xi ħaġa ma taħdimx, il-fatt li qed tiddiskutiha mal-istudenti jista’ joħroġ iktar meta jinkiteb ir-riżultat. Bħala xi ħaġa tad-daħk, niftakar konna għamilna reazzjoni bil-Calcium mal-ilma u tort tiegħi, minħabba li tajthom biċċa kbira, aljenajt kemm kien se jkun reactive il-Calcium imma mbagħad kif tefgħuh mal-ilma tant ġie jaħraq u exothermic li niftakar studenta, telqet it-test tube minn idejha u tajritu minħabba li ġie wisq jaħraq. Imbagħad qisu kulħadd baqa’ jiftakar ir-reazzjoni tal-Calcium speċjalment wara, meta ħarġet fl-eżami!