1. X’ħajrek biex issir għalliema?
Minn meta kont żgħira kont nilgħab tat-teacher bil-pupi u bil-blackboard. Imbagħad meta kont nattendi l-Mużew kienu offrewli nibda noqgħod ma’ xi klassijiet taż-żgħar u norganizzawlhom xi attivitajiet u minn hemm xtaqt li nibda l-istudju tiegħi biex insir għalliema.
2. Minn dejjem kellek ix-xewqa li tgħallem ir-reliġjon ?
Le, kelli diversi suġġetti differenti li komplejt navvanza fl-istudji tiegħi.
3. Hemm xi persuna li tispirak?
Iva, Madre Tereża u l-Papa Franġisku. Madre Tereża dejjem ġabet l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħha filwaqt li Papa Franġisku jħeġġeġ u jenfasizza ħafna l-imħabba flok il-kundanna.
4. Kif il-qarrejja ta’ “TheVoice” jafu inti taħdem l-iskola flimkien mar-raġel tiegħek. Hija ta vantaġġ jew żvantaġġ li taħdem mar-raġel tiegħek?
Għalkemm ngħallmu flimkien aħna l-iskola professjonisti u kollegi. Il-vantaġġ hu li bħala ħinijiet u vaganzi ser inkunu flimkien. Hija xi ħaġa vantaġġjuża wkoll għaliex jien nibża’ nsuq għalkemm għandi l-liċenzja u allura filgħodu ma għandix problema kif ser nasal ix-xogħol.
5. Inti omm ta’ żewġ subien. X’differenza tara bejn l-esperjenza ta’ għalliema tal-bniet u omm ta’ żewġ subien?
Is-subien naħseb li huma iktar ‘relaxed’ fl-istudju. Il-bniet jieħdu l-istudju iktar bis-serjeta’.
6. X’inhu l-aktar żmien tas-sena li jogħġbok ?
Jogħġobni ħafna l-Milied. Għalkemm is-sajf inkun qed nistennieh b’ħerqa.
7. Hemm xi ħaga li għaddejt minnha meta kont żghira u tixtieq terġa’ tesperjenza ?
Meta kelli 16-il sena mort esperjenza ta’ xahar fil-Missjoni l-Eġittu għand is-sorijiet li jmexxu din l-iskola. Kien hemmhekk fejn iltqajt ma’ Sr. PierDamiana l-ewwel darba. Kienet esperjenza li nibqa’ ngħożż ħajti kollha.
8. X’tippreferi lezzjonijiet fil-klassi jew onlajn? Għalfejn ?
Lezzjonijiet fil-klassi bla dubju. L-interazzjoni fil-klassi b’mod reali ma nibdilha ma’ xejn.
9. Taħseb li kienet idea tajba li l-iskejjel reġgħu fetħu ? Għaliex ?
Kienet idea tajba għaliex kemm l-istudenti kif ukoll aħna l-għalliema rridu nkomplu x-xogħol tagħna fl-ambjent tagħna. Għall-istudenti huwa importanti li jiltaqgħu mal-istudenti sħabhom, jaqsmu l-ideat tagħhom flimkien u anke jkollhom opportunità li jbiddlu l-ambjent.
10. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu tiegħek? Tkun ħerqana biex jiġi tmiem il-ġimgħa?
Fil-ħin liberu noqgħod nipprova riċetti ġodda għaliex inħobb insajjar ħafna u noqgħod fil-bitħa meta jkun temp tajjeb indur dawra mal-pjanti. Tmiem il-ġimgħa nkun qed nistennieh biex immur xi mixja fil-kampanja u biex nagħmel dawk l-affarijiet li ma nkunx ilħaqt għamilt matul il-ġimgħa.
11. Fejn kien l-aħħar post li sifirt? X’inhi l-iktar memorja sabiħa li għandek ta’ din is-safra?
L-aħħar post li mort kien Spanja. Is-shows li rajt fit-theme park ta’ Portaventura.
12. Kieku kellek tbiddel xi ħaga fid-dinja xi tkun?
Bħalissa żgur tkun xi ħaġa marbuta mal-pandemijia. Biex ngħixu b’mod iktar liberu mingħajr maskri u mingħajr distanzi soċjali.
13. Issibha diffiċli biex tlaħħaq max-xogħol tiegħek u l-ħajja ta’ kuljum ? Għaliex?
Le mhux ħafna, għaliex jien nippjana ħafna minn qabel. Mhux li ma ngħajjiex. It-‘time management’ huwa importanti u jgħinni ħafna biex insib bilanċ kemm fid-dinja tax-xogħol, kemm biex ngħaddi ħin mal-familja kif ukoll biex nistrieħ.
14. Ħassejt bidla f’ħajtek minn mindu bdiet il-pandemija ? Kien hemm xi ħaġa pożittiva li ħrigt miż-żmien tal-Covid?
Iva, sirt iktar konxja tal-affarijiet li mmiss. Sirt anke konxja ta’ dawk in-nies li jgħixu waħedhom u t-tbatija tas-solitudni. Xi ħaġa li tgħallimt minnha din l-esperjenza kienet li napprezza iktar dak li għandi.
15. X’inhi l-akbar xewqa tiegħek? U għaliex?
Nixtieq li l-Mulej itini s-saħħa biex inkun nista’ nibqa’ nieħu ħsieb il-familja tiegħi.
Intervista miktuba minn: Kaylee Muscat St. Claire u Kaya Falzon St. Cecilia